05
Mar
Ikun Imfaħħar Ġesu Kristu u l-Omm tiegħu Verġni Marija, ninġabru għat-talb ħuti biex infaħħru lill-Mulej"
Ikun Imfaħħar Ġesu Kristu u l-Omm tiegħu Verġni Marija, ninġabru għat-talb ħuti biex infaħħru lill-Mulej"
Din hija is-sejħa li is-soru Tereżjana tal-klawsura tisma’ kull filgħodu biex tqum malajr mis-sodda ħalli flimkien ma ħutħa s-sorijiet tibda l-ġurnata tagħha ta’ talb u xogħol. F’isem il-Knisja kollha s-soru tal-Klawsura tirringrazzja lil Alla tal-jum ġdid li jkun beda, mhux biss, imma wkoll ta’ dak kollu li jkun ġej fuqha f’dak il-jum, sew jekk ikun jgħoġobha u sew jekk le għax kull ma jibgħat Alla żgur se jkun ta’ ġid. B’dan il-ħsieb f’moħħha hija tieħu sehem fil-Liturġija tas-siegħat u fit-talb l-ieħor tal-Komunita, kif ukoll fix-xogħol, biex tagħti glorja lil Alla f’isem l-umanita’ kollha, l-aktar għal dawk li mhux biss ma jgħarfuhx imma anke jiddisprezzawh. Permezz ta’ din il-ħajja tagħha ta’ talb, xogħol u sagrifiċċji, is-soru Tereżjana tkun qiegħda tgħin biex Alla jxerred fuq l-umanita’ l-grazzja tiegħu għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Barra minn dan il-ħsieb ġenerali, is-soru Tereżjana għandha impenn speċjali li titlob għas-Saċerdoti, għax mill-qdusija tas-Saċerdoti tiddependi ħafna l-qdusija tal-fidili. Bla ebda dubbju l-idejal ta’ Soru Tereżjana huwa sabiħ, imma jitlob impenn serju u sagrifiċċju. Imma xejn ma jimporta għax Alla, meta jsejjaħ u jagħti missjoni, jagħti wkoll dak kollu li jkun meħtieg biex dak li jkun iwettaq dik il-missjoni. Dan narawh iseħħ fil-Qaddisin. Għandna l-eżempju ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, li dalwaqt ikollna magħna r-Relikwi tagħha. Kienet tfajla marradija, daħlet soru ta’ ħmistax il-sena, għaddiet bilkemm disa’ snin bħala soru Tereżjana, mardet bit-T.B., pero’ dejjem għarfet tgħix b’impenn sħiħ’ għak-kost ta’ kull sagrifiċċji, is-sejħa tagħh a u saret qaddisa kbira. X’jigbidha lis-Soru Tereżjana biex tgħix din il-ħajja ta’ Talb, xogħol u sagrifiċċju? Xejn ħlief l-Imħabba! Mill-espejenża tagħha stess tagħraf l-imħabba kbira li Ġesu’ għandu lejha. Għalhekk hija tagħmel minn kollox biex trodd lura dik l-imħabba. Bħal Santa Tereżina hija tipprova li lil Gesu’ ma tiċħadlu xejn. Min jista’ jgħaddi lil Ġesu’ fil-ġenerożita’ tiegħu? Aktar ma tagħtih, aktar Huwa jagħtik; u aktar ma jagħtik , inti tħoss li għandek tagħtih imħabba li tissarraf bl-opri. Għax iħobbna, Ġesu’ qatt ma jħalliena weħidna meta jitlob minna xi ħaga. Anżi Hu l-ewwel jagħtina l-qawwa permezz tal-grazja tiegħu u wara jitlobna dak li jkun irid minna biex inkunu nistgħu ngħidulu "IVA". |gur li hekk jagħmel fl-istorja tal-vokazzjoni ta’ kull ruħ ikkonsagrata. Fir-ruħ u fl-ispirtu ta’ dik li jkun għażel, Ġesu’ ipoġġi dawk il-karatteristiċi meħtiega biex tkun tista’ twieġeb għas-sejħa tiegħu. Għalhekk min iħoss li l-Mulej qiegħed isejjaħlu għall-Karmelu Tereżjan m’għandux għax jibża’ jew jaqta’ qalbu għax Ġesu’, jekk iridek għalih, diġa poġġa fik iż-żerriegħa ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li għandek bżonn għall-vokazzjoni tiegħek. Jiena diġa ilni reliġjuża 44 sena u Ġesu’ qatt ma naqasni fl-iċken ħaga. Ninsab kuntenta minkejja dak kollu li niltaqa’ miegħu. Mela kuraġġ. Ġesu’ qiegħed jistennik troddlu lura l-imħabba kbira li biha ħabbek sa minn dejjem. Sr.Eliżabetta tat-Trinita’ O.C.D