Beata Elija ta’ San Klement

24
Feb

Il-Beata Elia twieldet fis-17 ta’ Jannar 1901 u semmewha Theodora.  Meta kellha xi erba’ snin waqt li kienet fil-ġnien tad-dar tagħha rat ‘sinjura’ sabiħa mixja qalb il-ġilji meta f’daqqa waħda ma rathix iżjed. Meta ommha spjegatilha x’setgħet tkun it-tifsira, għamlet il-ħsieb li tidħol soru. Kienet tmur l-iskola tas-sorijiet Stimatine u aktar tard kienet tattendi l-iskola tal-ħjata tagħhom. 

Lejliet l-Ewwel Tqarbina tagħha hija ħolmot li rat lil Sta. Tereża tal-Bambin Ġesu’ li qaltilha ‘Inti għad tkun soru bħali.’ Flimkien ma ħbiebha kienet tiltaqgħa d-dar tagħha biex jitolbu, jaqraw il-Bibbja, l-Imitazzjoni ta’ Kristu u l-ħajjiet tal-Qaddisin. Saret Terzjarja Dumnikana u ipprofessat fl-14 ta’ Mejju 1915 b’dispensa speċjali minħabba l-eta żgħira tagħha.

Fiż-żmien tal-gwerra 1915-1918 mimlija ħeġġa bl-imħabba  għall-għajra kienet tgħallem id-duttrina u tgħin fil-parroċċa. Il-Ġiżwita P. Sergio di Gioia, ippreparha spiritwalment, biex fit-8 ta April 1920 setgħet tidħol mas-sorijiet Karmelitani Tereżjani ta’ Bari. Fl-24 ta’ Novembru ħadet il-libsa Karmelitana bl-isem ta’ Sr. Elia ta’ San Klement. Għamlet il-professjoni Solenni fil-11 ta’ Frar 1925. Hija tikteb ‘F’riġlejn l-Imsallab, Alla tiegħi, jien ħarist fil-bogħod u f’dik il-ħarsa rajt dak li kellha tkun ħajti.’

Il-ħajja fil-Karmelu mal-ewwel bdiet bid-diffikultajiet imma l-akbar problema kienet meta il-Prijura poġġietha biex tgħallem ir-rakkmu tal-magna fl-iskola li kellhom mal-monasteru. Dik is-soru li kienet tieħu ħsieb l-iskola xejn ma ħadet pjaċir bil-ħatra ta’ għalliema tar-rakkmu. Wara sentejn ta’ ħafna tbatijiet li sofriet bis-sabar u r-rassenjazzjoni tneħħiet minn dan l-uffiċċju.

Osservanti kif kienet tar-Regola, l-Kostituzzjonijiet u l-atti komuni kienet dejjem tkun miġbura ċ-ċella tħit u titlob. Il-Prijura li kienet taf x’ruħ qaddisa kienet qatt ma tilfet ir-rispett li kellha lejha.  P. Elia ta’ Sant’ Ambroġ kien ta’ għajnuna spiritwali kbira. 

Fil-bidu ta’ Jannar qabditha influwenza qawwija. Hija offriet it-tbatija bla ma kienet tgerger u bla ma ħadet mediċini. Ġabulha t-tabib għax telagħalha d-deni imma ħaseb li ma kien hemm xejn allarmanti. Pero’ s-sitwazzjoni baqgħet tiggrava u meta l-għada ġew żewġt tobba oħra kien tard wisq. Hija kienet qalet ‘Jiena mmut f’jum ta’ festa’. Tassew hekk kien għax mietet fil-Milied 1927. Il-funeral sar l-għada mill-Arċisqof ta’ Bari u fit-18 ta’ Marzu 2006 ġiet ipproklamata Beata mill-Kardinal Jose’ Saraieva Martins.

Leave a Comment