
Marie-Francoise-Therese, twieldet minn Louis Martin u Zelie Guerin, illum it-tnejn Beati, fit-2 ta’ Jannar 1873, f’Alencon Franza.
Marie-Francoise-Therese, twieldet minn Louis Martin u Zelie Guerin, illum it-tnejn Beati, fit-2 ta’ Jannar 1873, f’Alencon Franza.
Ta’ 4 snin u nofs tilfet lil ommha. Wara l-mewt t’ommha Tereża tagħżel lil oħtha Pauline biex tkun it-tieni omm tagħha. Din il-missjoni Pauline wettqitha tassew sa ma daħlet soru Karmelitana Tereżjana f’Lisieux fejn kienu marru jgħixu wara l-mewt ta’ ommhom. F’Marzu ta’ 1883 bdiet il-marda kurjuza tagħha li fieqet minnha fit-13 ta’ Mejju meta rat ix-xbieha tal-Madonna titbissmilha. Wara l-mewt ta’ ommha Tereża kienet saret ferm sensittiva. Teħles minn din is-sensittivita eċċessiva fil-Milied tal-1886. Din il-grazzja hija issejħilha: ‘Il-grazzja kbira tal-konverzjoni tiegħi’
Minn dak il-ħin tiddeċiedi li ssir Tereżjana fil-Karmelu ta’ Lisieux fejn kienet daħlet ukoll oħtha Marie, u fejn wara l-mewt ta’ missierha kellha tidħol ukoll Celine. Kienet għadha żgħira wisq biex tidħol fil-Karmelu, imma waqt vjaġġ f’Ruma titlob lil Papa Ljun XIII biex jagħtija l-permess speċjali biex tidħol fil-Karmelu ta’ 15 il-sena. Il-permess ġie mgħoti u Tereża tidhol fil-Karmelu fid-9 ta’ April 1888.
Fil-Karmelu hija skopriet triq dritta li biha tasal malajr għal qdusija – It-Triq tat-Tfulija Spiritwali. Hija riedet tibqa’ tifel żgħir quddiem Alla.
‘Li tkun tifel żgħir quddiem Alla huwa li nagħraf ix-xejn tiegħi, li nistenna kollox mingħand Alla bħalma tifel żgħir jistenna kollox mingħand missieru b’fiduċja u telqa sħiħa’.
Hekk tikteb Santa Tereża lil oħtha Madre Agnese meta din talbitha tfissrilha x’riedet tgħid biha ‘li tkun bhal tifel żgħir’. Santa Tereża ma ħalliet qatt taħarbilha okkażżjoni waħda ta’ sagrifiċċju li b’fiduċja kbira kienet toffri lil Ġesu’. Dan it-tagħlim insibuh spjegat sewwa fil-ktieb tagħha ‘Storja tar-Ruħ’.
Peress li Santa Tereża kellha żewġ ħutha diġa fil-Karmelu ta’ Lisieux hija qatt ma ħarget minn novizzjat pero’ fil-1894 ġiet mogħtija l-uffiċċju biex tieħu ħsieb in-novizzi fosthom oħtha Celine. Hija rawwmithom sewwa fit-Triq tat-Tfulija Spiritwali.
Fil-lejl tal-Ħamis ix-xirka ta’ 1896 kellha l-ewwel sinjali tal-marda kiefra tat-tuberkolożi li wasslitha sal-qabar. Hija aċċettat din il-marda b’rassenjazzjoni kbira u b’ċertu ferħ spiritwali. Hija mietet fit-30 ta’ Settembru 1897. Santa Tereża ġiet kanonizzata mill-Papa Piju XI fis-17 ta’ Mejju 1925. L-istess Papa iddikjarha ukoll Patruna tal-Missjonijiet. Fil-19 ta’ Ottubru 1997 ġiet mgħotija t-titlu Duttur tal-Knisja mill-Papa Gwanni Pawlu II.