Forsi xi wħud li jaqraw dan l-artiklu jgħidu: “Kif jista’ jkun li soru dejjem magħluqa, tal-klawsura, tkun ferħana?”
Ngħidilkom għaliex. Ninsab ferħana għax qegħda ngħix Miegħu – taħt is-saqaf ta’ daru għal 24 siegħa kuljum. Ġesu’ jokkupa l-ispazju tal-klawsura. Fejn jinsab Hu hemm il-ferħ u l-paċi.
Forsi xi wħud li jaqraw dan l-artiklu jgħidu: “Kif jista’ jkun li soru dejjem magħluqa, tal-klawsura, tkun ferħana?”
Ngħidilkom għaliex. Ninsab ferħana għax qegħda ngħix Miegħu – taħt is-saqaf ta’ daru għal 24 siegħa kuljum. Ġesu’ jokkupa l-ispazju tal-klawsura. Fejn jinsab Hu hemm il-ferħ u l-paċi.
L-Ordni Tereżjan f’Malta qiegħed iħejji b’diversi ħidmiet għall-miġja fostna tal-fdalijiet qaddisa ta’ Santa Tereza tal-Bambin Ġesu’. Jiena qegħda nistenniha b’ħerqa, għax daqs 40 sena ilu, kien permezz tagħha li l-Mulej urieni l-Karmelu Tereżjan. Kont għadni ma nafx li kienu jeżistu f’Malta sorijiet bħalhom. Introduċieni magħhom Patri Ġwann Leone Enriquez OCD li dak iż-żmien kien id-direttur spiritwali tiegħi. Kemm jiswa d-direttur spiritwali fiż-żgħożija – meta l-pesuna tkun se tibda tagħti l-ewwel passi tagħha lejn dak li jkun qiegħed juriha l-Mulej!!
Jien twelidt Birkirkara, fi Triq il-Wied, ħdejn il-kunvent tal-patrijiet Tereżjani. Qatt ma ridt nidħol soru, aktar u aktar tal-klawsura. Pero’ ġara fatt f’ħajti li ma kontx nistennih. Kelli 13 il-sena. Bit-tħabrik ta’ wieħed mill-Patrijiet Tereżjani, Patri Mawru Farruġia OCD, inġiebet f’Malta urna ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’. Ftit wara ttieħdet madwar Malta u Għawdex fuq pellegrinaġġ li saħħaħ ferm il-qima lejha. Meta waslet biex terġa’ tieħu postha fil-knisja ta’ San Alfons, għax is-Santwarju kien għadu ma nbeniex, giet inhejjija festa ta’ merħba kbira.
Niftakarni lesta b’warda f’idi ġol-gallerija tad-dar tagħna, biex x’ħin il-korteo u l-urna tasal taħtna nitfaħħielha. Imma x’ġara?! F’mument qasir ħafna, bl-għajnejn ta’ ruħi, nara lil Ġesu’ bħal jurini b’sebgħu lil Santa Tereżina waqt li ħassejtu jgżidli: “Bhal dik issir”. Naf li sibtni bil-warda f’idi billi f’dak il-ħin qasir inqtajt minn kull kuntatt madwari. Imma xorta tfajthielha avolja laħqet tbiegħdet daqsxejn. L-emozzjoni tal-mument nissel f’qalbi eċċitament mhux żgħir. Minn dak inhar ma stajtx noqgħod mingħajr Ġesu’. Ħajti inbidlet. Ridt nidhol mas-sorijiet ta’ Santa Tereżina ta’ 15 il-sena. Imma billi kont għadni żgħira, la d-direttur spiritwali u lanqas is-sorijiet ma laqgħu t-talba tiegħi. Iż-żmien ta’ stennija ħassejtu bħal martirju; xejn ma kien jimlieli qalbi. Kont inħossni ħuta barra mil-ilma. Kelli nikkuntenta ruħi billi kultant nikteb lill-Madre u mmur nara s-sorijiet.
Il-ġenituri tiegħi laqgħu b’ferħ kbir is-sejħa tiegħi u tawni kull barka u għajnuna. Għalkemm naf li l-mama’, billi kienet close ħafna tiegħi, swielha żgur sagrifiċċju kbir. Kont membru tal-leġjun ta’ Marija ta’ Ħal Balzan; kelli għadd ta’ ħbieb u x’uħud minnhom żgħażagħ, imma qatt ma stajt immur kontra s-sejħa ta’ Ġesu’. Għalija s-sejħa fissret kmandament. Ġesu’ kien li ħadni l-ewwel u jien kont inġbidt lejh u ridt inkun tiegħu biss.
O, li kieku jafu ż-żgħażagħ min hu tassew Ġesu’! Kif jiġġennu warajh u ma jitilquh qatt!!
Fl-aħħar wasal il-jum mistenni, it-2 ta’ Frar 1965, għax issa kont għalaqt it-18 il-sena. Il-Mama’ u l-Papa’ flimkien ma’ ħuti u xi ħbieb wassluni sal-bieb tal-monasteru. Hemm sibt lis-sorijiet jistennewni. Il-bieb tal-klawsura nfetaħ u jien għarkubbtejja bist l-art imbierka. Fil-viċin kien hemm Ġesu’ Kurċifiss, l-Għarus tiegħi, jilqagħni. Qomt u bil-qalb ħaffift u tajtu bewsa ta’ mħabba, s-siġill tiegħi għall-eternita’. U hekk bdiet il-ħajja tiegħi fil-Karmelu Tereżjan, li jien ma nibdilha ma’ ħadd u ma’ xejn.
Din hi fil-qosor l-istorja tal-vokazzjoni tiegħi. Fil-fatt hija storja li għada sejra. Hija storja ta’ namrar fejn Ġesu’ Kristu nnifsu, Alla u Bniedem, qiegħed jinnamra miegħi. Għall-grazzja tiegħu ġa għaddew 37 sena f’dis-sejħa ta’ ħajja moħbija f’Alla, u għadni xorta waħda nħossni bħal warda friska tfewwah quddiem il-Mulej. Sikwit, lejl u nhar,ninfex irroddlu ħajr.
Meta kultant intenni l-istorja tal-vokazzjoni tiegħi, x’uħud igħiduli: “Sr.Celina, dak kien żmien ieħor. Id-dinja tbiddlet. Tistenniex li se jidħlu żgħażagħ ta’ 18 il-sena bħalma dħalt int!” Dan hu ragunar skond ix-xejra tad-dinja. Tassew li d-dinja tbiddlet u kif!! Imma Ġesu’ Kristu baqa’ l-istess. ta’ żmieni, tallum, u talli ġej. Jien nemmen bis-sħiħ ukoll li l-Mulej għadu jsejjaħ ħaddiema fil-5.00 ta’ filgħodu, ħin bikri, bla ma jeskludi l-ħinijiet l-oħra tal-ġunata. Forsi li qiegħed jiġri llum hu, li f’ċerti żgħażagħ (mhux kollha) hemm il-biża’ tar-riskju, għax id-dubbju fuq il-futur inaqqsilhom il-fidi u l-fiducja f’Alla. Tgħid mhux kull stat tal-ħajja jitlob sfida? Kull sejha minn Alla hi unika u personali wkoll.
Lili sejjaħli billi nqeda biċ-ċirkostanza tal-miġja fostna ta’ oħtna Santa Tereza tal-Bambin Gesu’, daqs 40 sena ilu. U lilek u lill-oħra?!
Għeżież żgħażagħ, la tibżgħux jekk hemm xi ċaqliqa jew tħossu li Ġesu’ qiegħed isejhilkom biex tħallu warajkom dak kollu li d-dinja, bil-pjaċiri tagħha, qegħdha toffrilkom. Tibżgħux tgħidulu “IVA”, fuq l-eżempju ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ u tiegħi wkoll. Miegħu jingħelbu kull ostaklu ta’ dgħufija. Naħseb li ħajti ġa hija risposta tal-fedelta’ ta’ Alla ma’ l-IVA ta’ mħabbti u li ssiġillajt 37 sena ilu. Fuq kollox, ta’ din dinja kollox jgħaddi u jispiċċa. Tindunaw kemm huma f’waqthom il-kelmiet ta’ Ommna Santa Tereża ta’ Ġesu’ meta qaltilna li
“Alla Waħdu Biżżejjed”.
Ecce. Fiat. Magnificat.
Sr. Celina Tar-ragħaj it-Tajjeb.