Ejja Warajja

31
Jan

Qatt smajtha din is-sejħa mingħand Ġesu’? Ma naħibx li stajt smajtha hekk bħlma tisma’ kliem ieħor tal-bnedmin, imma b’mod ieħor, IVA. Kif? Ġesu’ jistedinna nimxu warajh billi jqanqalna ħalli nogħġbuh, inħobbuh u nagħmlu r-rieda tiegħu.

Qatt smajtha din is-sejħa mingħand Ġesu’? Ma naħibx li stajt smajtha hekk bħlma tisma’ kliem ieħor tal-bnedmin, imma b’mod ieħor, IVA. Kif? Ġesu’ jistedinna nimxu warajh billi jqanqalna ħalli nogħġbuh, inħobbuh u nagħmlu r-rieda tiegħu.

 
Kulħadd ikollu s-sejħa tiegħu partikulari. Min mod u min iehor. Importanti ħafna li nkunu rridu nagħarfu r-rieda ta’ Alla u għalhekk nitolbu spiss li aħna nagħarfu xi jrid Alla minna.
 
Ngħid l-istorja tiegħi:
 
Kont tfajla normali, ħbieb kelli kemm irrid u kienu l-aktar li jsibuni bħala “dik li tidħak”! Meta spiċċajt l-eżamijiet ta’ l-“O” Level mort tlett tijiem irtir ma’ żgħażagħ oħra. F’xi ħin mort inqerr. Il-Father saqsieni:
 
       “X’se tagħmel b’ħajtek?”
       “Ma nafx!”
       “Kemm il-sena għandek?”
       “Tmintax”
       “Ta’ tmintax suppost tkun taf x’se tagħmel b’ħajtek!”
       “ħeq! MA NAFX!”
 
U spiċċajt hekk!. Imma x’ħin mort fil-kamra waħdi ħassejt bħal xi ħadd igħidli f’qalbi, “Mhux ‘ma tafx’ , imma TIBQA’ !  MA TRIDX! “
 
 
Biza’ kbir ħakimni għax fhimt li IVA dik kienet il-VERITA’ Fhimt li Ġesu’ qiegħed isejjaħli għall-ħajja Reliġjuża. Iżda jiena ma ridtx!! Mela jiena xi qaddisa!!!! Mela jien tajba għal soru??!! Daż-żgur! Soru imsajra wara in-namrati imtajra!. Le,eeeeeee!
 
MHUX MA TAFX, IMMA MA TRIDX!
 
Bżajt ngħidlu ‘iva’ u bżajt ngħidlu ‘le’ !
 
Erġajt mort inkellem lill-Father u stqarrejtlu l-verita’ kollha. għamilli ħafna kuraġġ. Qalli biex ma nibżax ngħidlu “IVA” lil Ġesu’ għax hu żgur li jagħtini kull għajnuna li jkolli bżonn. Qalli biex nitlob aktar u biex niftaħ qalbi mal-Konfessur tiegħi. Dan imbagħad tani naqra l-awtobijografija ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, Storja ta’ Ruħ. Meta qrajtu tlabtha tagħtini warda milli hi wegħdet li tibqa’ ixxerred fuq l-art. Fl-istess ħin komplejt il-ħajja normali mal-ħbieb, komplejt l-istudji tiegħi fil-Kulleġġ ta’ Mater Admirabilis Training College. Kont inħobb ħafna t-tfal li kont ngħallem u huma wkoll kienu jħobbuni ħafna. Komplejt nilbes sabiħ u niddeverti onestament bħas-soltu.
 
Fl-aħħar il-Mulej ippermetta li l-verita’ dwari toħroġ. ħadd ma ried jemmen: u la l-ġenituri, u la ħuti, u wisq aktar il-ħbieb. U dan xejn ma hu ta’ barra minn hawn! għax jien stess bqajt ma nistax nifhem kif se nħalli kollox u lil kulħadd u nidħol ningħalaq fil-klawsura!!! Domt l-isbaħ sitt snin u nofs f’din il-ġlieda bejn is-sejħa ta’ Alla u bejn il-ġibda tan-natura tiegħi u tad-dinja. Irrid ngħidlu IVA u fl-istess ħin nibża’ nintelaq għal kollox f’idejh. għandi kollox lest biex nidħol fil-klawsura u għadni m’hiniex ċerta minni nnifsi! Forsi xi ħadd jista’ jgħid li qegħda ngħaġġibha!! LE, xejn minn dan. Din hija l-verita’ sħiħa. Taf fi x’ħin spiċċat din il-ġlieda miegħi nnifsi? X’ħin dħalt mill-bieb il ġewwa tal-klawsura, għax f’daqqa waħda hassejt il-FERĦ u l-PAĊI jimlewli lil qalbi u lil moħħi. U dan il-FERĦ u din il-PAĊI baqgħu dejjem miegħi. Iva, id-dubbji u l-biża’ li kelli sparixxew u minflokhom daħlu l-ferħ u l-paċi.

Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!

 
“Ġesu’, Int għażiltni għalik. Irrid inħobbok b’qalbi kollha. Kompli għinni għax mingħajrek ma niswa xejn! Grazzi ta’ kollox, Mulej, anke li għentni nikteb biċċa mill-istorja ta’ ħajti”.

Sr. Beatrice tal-Qalb bla tebgħa ta’ Maria

Leave a Comment